Il-Ġimgħa 16 ta’ Jannar 2026, mid-09:00 sal-11:00, id-Direttorat għall-Programmi STEM u VET (DSVP) organizza Teen Science Café (TSC) fil-Gozo College Victoria Middle School.
L-għan tal-avveniment kien li jipprovdi lill-istudenti tas-Sena 8 b’opportunità li jiltaqgħu b’mod informali ma’ professjonisti minn oqsma xjentifiċi differenti, sabiex jitgħallmu dwar diversi karrieri u l-perkorsi ta’ studju relatati qabel jagħmlu l-għażliet tas-suġġetti tagħhom.
Uffiċjal Xjentifiku mid-Direttorat EkoGħawdex ġie mistieden jipparteċipa u jispjega x-xogħol li hu jagħmel fi ħdan id-Direttorat. Is-sessjoni ġiet ippreżentata lil ħames klassijiet differenti tas-Sena 8. Minbarra li spjega x-xogħol xjentifiku mwettaq minnu fi ħdan id-Direttorat EkoGħawdex, l-uffiċjal qalilhom ukoll dwar is-suġġetti akkademiċi li għażel fl-iskola sekondarja, fis-sixth form u fl-universita, li wassluh għall-karriera attwali tiegħu.
Is-sessjonijiet kienu interattivi ħafna, u l-istudenti ġew imħeġġa jistaqsu mistoqsijiet u jipparteċipaw f’diskussjoni dwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ Uffiċjal Xjentifiku.












