Il-wiċċ ta’ Għawdex magħmul minn għoljiet u widien hu waħda mill-aktar karatteristiċi prominenti u importanti tiegħu. Is-sistemi tal-widien ta’ Għawdex fihom varjetà wiesgħa ta’ flora u fawna, u ċerti widien, bħal Wied il-Lunzjata, għandhom ħabitati u ekosistemi żgħar uniċi. Dawn is-sistemi jservu bħala passaġġi importanti tal-ilma u jilqgħu ammonti kbar ta’ ilma tax-xita li jista’ jintuża fl-agrikultura.

Maż-żmien, is-sistemi tal-widien jistgħu jimtlew tajn u ħmieġ, u dan jista’ jħalli effetti koroh fuq il-madwar, fost l-oħrajn għargħar u inqas ħażniet tal-ilma tax-xita. Mas-snin, il-Ministeru għal Għawdex indirizza bil-qawwi din il-problema biex jipprova jreġġa’ lura s-sistema tal-widien f’Għawdex għall-funzjonalità normali tagħha u biex jiffaċilita ambjent sigur u produttiv għall-bdiewa lokali.

Sa issa, il-Ministeru għal Għawdex interviena u għen biex jirrestawra s-sistemi tal-widien fil-Wied tar-Ramla, Wied Burumbara, Wied l-Infern, il-Wied tal-Grazzja, il-Wied ta’ Marsalforn u Wied il-Kbir. Hemm iktar sistemi ta’ widien jistennew li jsiru interventi fuqhom fis-snin li ġejjin.