Il-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem biex iżid l-użu ta’ enerġija rinnovabbli f’binjiet tal-Gvern u fl-akkomodazzjoni soċjali. In-92.32-kWp ikkummissjonat mill-Ministeru għal Għawdex (ara l-istampa) ġie installat fi tliet fażijiet – fl-2006 (10-kWp), fl-2011(40.32-kWp) u fl-2012 (42-kwP), u jiġġenera madwar 60% ta’ dak li għandu bżonn il-Ministeru f’termini ta’ enerġija. Barra minn hekk, il-proġett tal-ERDF Faċilitajiet ta’ Enerġija Rinnovabbli f’Binjiet Pubbliċi f’Għawdex ħa ħsieb l-installazzjoni ta’ madwar 1,500 pannell fotovoltajku – għal kapaċità ġenerattiva totali ta’ 401-kWp – fuq il-bjut ta’ tmien binjiet pubbliċi f’Għawdex. Fl-aħħar nett, 230 pannell fotovoltajku ġew installati u kkummissjonati fuq il-bjut tal-15-il blokka ta’ appartamenti fl-Akkomodazzjoni Soċjali ta’ Ta’ Ċawla. Dawn il-pannelli huma mistennija li jkopru l-bżonnijiet ta’ enerġija ta’ madwar 28 akkomodazzjoni Għawdxija.