Ir-reġjun tal-Mediterran qed jaffaċċja skarsezza kbira ta’ ilma li iktar tiżdied bl-għadd ta’ attivitajiet turistiċi, it-tkabbir fil-popolazzjoni, il-bidla fil-mod ta’ kkunsmar tal-ikel u t-tibdil fil-klima. L-agrikultura hi l-ikbar komsumatur ta’ ilma u allura titlob teknoloġiji dejjem iktar effiċjenti u sostenibbli ta’ irrigazzjoni li huma applikabbli b’mod wiesa’ u aċċettati minn bdiewa żgħar ukoll. Dawn allura jridu jkunu soluzzjonijiet indaf u li ma jinvolvux ħafna spejjeż, u jużaw bl-aħjar mod ir-riżorsi umani waqt li jipprovdu dħul. Dan il-proġett – Intejbu l-irrigazzjoni Mediterranja u l-provista tal-ilma għal bdiewa żgħar billi nipprovdu tekonoloġiji u prattiċi effiċjenti, irħas u bbażati fuq in-natura (MED-WET) – ġie żviluppat biex fl-aħħar mill-aħħar itejjeb l-effiċjenza tal-irrigazzjoni ta’ bdiewa żgħar fir-reġjun tal-Mediterran, speċjalment permezz tal-aħjar użu ta’ riżorsi skarsi ta’ ilma għal ikel li jżomm u s-sigurtà tal-ilma.

Dan isir, fost l-oħrajn, billi:

  1. Niżviluppaw teknoloġiji ġodda ta’ irrigazzjoni u soluzzjonijiet applikabbli b’mod wiesa’ għal bdiewa żgħar;
  2. Nagħtu lill-bdiewa żgħar għarfien u ħiliet biex jinstallaw, jadattaw u jħaddmu għażliet ta’ irrigazzjoni iktar effiċjenti u effettivi;
  3. Inżidu d-disponibbiltà tal-ilma għall-irrigazzjoni minn sorsi salinizzati u sekondarji;
  4. Intejbu l-profitabbiltà tal-biedja u l-effett ambjentali ta’ prattiċi agrikoli pilota.

 

Biex jinkiseb dan, se jintużaw tliet teknoloġiji kbar f’dan il-proġet. It-teknoloġija “SLECI” (Self-regulating, Low Energy, Clay based Irrigation) hi teknika ta’ irrigazzjoni taħt il-wiċċ tal-art li tirregola ruħha waħidha u tuża l-forza tal-ġbid tal-arja tal-ħamrija tal-madwar għar-regolazzjoni tal-ilma li titfa’ s-sistema permezz ta’ tubi tat-tafal. Il-kunċett, produzzjoni u installazzjoni tagħha huma sempliċi u allura jistgħu jiġu adattati għal ambjenti rurali waqt li jiġu salvati kemm ilma u enerġija. Il-proġett se jistħarreġ kif qed taħdem taħt varjetà ta’ kundizzjonijiet lokali u flimkien ma’ diversi ilmijiet ta’ irrigazzjoni. It-tieni teknoloġija hi sistema sempliċi ta’ desalinizzazzjoni li se tintuża fuq ilma mielaħ u ta’ kwalità baxxa biex tirkupra ilma frisk tajjeb għall-irrigazzjoni tar-raba’. Fl-aħħar nett, se jintużaw artijiet mistagħdra produttivi għall-użu mill-ġdid ta’ ilma mormi u dan se jinbidel f’ilma tajjeb għall-irrigazzjoni.

Mal-MCAST u d-Direttorat ta’ EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex se jingħaqdu sħab mill-Ġermanja, l-Eġittu, il-Marokk u l-Portugall biex iwettqu l-objettivi f’dan il-proġett ta’ tliet snin. Il-Proġett MED-WET hu ffinanzjat 100% mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija permezz tal-inizjattiva PRIMA tal-Istati Membri, il-Pajjiżi Assoċjati u l-Pajjiżi Parteċipanti. Il-Programm PRIMA hu ssapportjat mill-UE.