Qed jinbena hub multi-modali f’Ta’ Xħajma, Għawdex, li se jipprovdi 300 spazju għall-parkeġġ u kolonni għall-iċċarġjar ta’ karozzi elettriċi. Il-faċilità ġdida għandha l-għan li tirriduċi l-konġestjoni tat-traffiku n-naħa tal-port, li hi magħrufa għat-traffiku fl-agħar sigħat tal-ġurnata.
Biex tiffaċilita t-trasport, se jkun hemm faċilità ta’ Park and Ride, b’sitt buses elettriċi li jitilqu kull 10 minuti fl-agħar sigħat bejn il-5am u d-9am, u l-4pm u s-7pm. Il-buses jitilqu kull 30 minuta f’ħinijiet oħra, bl-aħħar servizz jispiċċa fid-9pm biex jaqdi lil impjegati Għawdxin li jaħdmu tard f’Malta. Fuq kollox, dan is-servizz shuttle hu bla ħlas!
Din l-inizjattiva mhux biss tindirizza n-nuqqas ta’ spazji ta’ parkeġġ fil-Port tal-Imġarr, imma tippromovi wkoll modi aktar ekoloġiċi u nodfa ta’ trasport bħala parti mill-Viżjoni EkoGħawdex. Il-buses elettriċi diġà ilhom jaħdmu mill-2021 mill-inħawi tal-Ħeliport, imma din il-faċilità ta’ hub ġdid multi-modali tipprovdi soluzzjoni iktar organizzata b’servizz ta’ parkeġġ b’xejn u servizz ta’ shuttle.
Barra mill-faċilitajiet ta’ trasport, il-hub multi-modali se jintegra fih spazju aħdar miftuħ għar-rikreazzjoni. Għalhekk, sew jekk sejjer lejn Malta għax-xogħol u sew jekk għall-mistrieħ, il-faċilità tal-Park and Ride mill-hub multi-modali tax-Xewkija se tagħmel il-vjaġġ tiegħek wisq eħfef u aktar divertenti.