Il-bini tal-Farm Sperimentali ta’ Għawdex għadda minn xogħol sinifikanti ta’ rinnovament sa mill-2010, li rriżulta f’faċilità li tagħti lok għal opportunitajiet ġodda ta’ riċerka fl-agrikultura f’Għawdex. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu spazji ġodda għall-uffiċini, swali għal-lekċers, laboratorji u serer. Il-faċilitajiet għat-trobbija tal-annimali u l-ħażna tal-ilma ġew imġedda, it-toroq u l-passaġġi ngħataw kisjiet ġodda, u ġiet installata sistema kompjuterizzata u ta’ irrigazzjoni.

Matul l-2016, EkoGħawdex għamel tħejjijiet avvanzati għat-twaqqif ta’ laboratorju ta’ mikoloġija fil-bini tal-Farm Sperimentali tal-Gvern. L-għan ewlieni tal-laboratorju hu għar-riċerka u l-istħarriġ ta’ mard sperimentali u moffa fil-pjanti, biex jistgħu jingħataw pariri lill-bdiewa lokali fuq kif jipprevenu u jeliminaw mard agrikulturali u biex jitwessgħu s-servizzi tal-Gvern fil-qasam tal-agrikultura.