EkoGħawdex

Min Aħna

Il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent naturali, rurali u storiku ta’ Għawdex huma kruċjali biex niżguraw li jkollhom rwol sinifikanti fil-preżentazzjoni ta’ Għawdex bħala komunità akkoljenti u sostenibbli, li tattira lejn il-gżira viżitaturi domestiċi u internazzjonali kif ukoll nies li jinvestu fiha.

Id-Direttorat ta’ EkoGħawdex għandu żewġ funzjonijiet prinċipali: li jikkordina l-implimentazzjoni ta’ proġetti u miżuri fdati lilu, spiss f’kollaborazzjoni ma’ partijiet oħra interessanti, kif ukoll li jkun responsabbli għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ politika u strateġija marbutin mal-kompetenzi tiegħu.

L-għanijiet ewlenin tad-Direttorat ta’ EkoGħawdex huma

Protezzjoni u Tisħiħ

Jipproteġi u jsaħħaħ il-bijodiversità ta’ Għawdex kif ukoll il-wirt naturali, tradizzjonali u storiku tiegħu

Għarfien u Apprezzament

Iseddaq l-għarfien u l-apprezzament li l-komunitajiet Għawdxin għandhom tal-wirt naturali, tradizzjonali u storiku tagħhom

Riżorsi tal-Ilma

Sostenibbiltà fl-immaniġġjar u l-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma f’Għawdex

Restawr, Riabilitazzjoni u Konservazzjoni

Jirrestawra, jirriabilita u jikkonserva l-ambjent Għawdxi

Saħħa u Benessri

Jiżgura li l-ambjent ta’ Għawdex jikkontribwixxi b’risq is-saħħa u s-sens ta’ benessri tal-komunitajiet tal-gżira

Ġenerazzjonijiet futuri

Jgħaddi lill-ġenerazzjonijiet futuri ambjent li hu mmaniġġjat b’sostenibbiltà

Id-Direttorat fih ukoll żewġ taqsimiet oħra: it-Taqsima tal-Indafa Pubblika u t-Taqsima tal-Benessri tal-Annimali f’Għawdex.

Indafa Pubblika

It-Taqsima tal-Indafa Pubblika toffi servizzi ta’ tindif fit-toroq arterjali f’Għawdex, billi tbattal it-tankijiet taż-żibel u taqta’ l-ħaxix ħażin kemm fit-toroq prinċipali u kemm fit-toroq tal-irħula lokali. Din it-taqsima hi responsabbli wkoll għaż-żamma tat-toilets f’Għawdex. Il-Garaxx tat-Tindif u l-Manutenzjoni tal-Bajjiet hu responsabbli biex iżomm l-indafa fil-bajjiet ta’ Għawdex u Kemmuna. It-tindif isir regolarment u rigorożament kull ġimgħa. Matul is-sena impjegati mill-Garaxx tal-Manutenzjoni jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ f’diversi postijiet. Ħaddiema minn din it-taqsima jimmanifatturaw slielem, puġġamani u torrijiet tal-bajjiet biex jintużaw mil-lifeguards.

Benessri tal-Annimali

It-Taqsima tal-Benessri tal-Annimali tipprovdi assistenza immedjata lil annimali feruti, morda, vulnerabbli, jew lil dawk l-annimali li jiġru fit-triq, jinsabu f’periklu u jiġu bżonn l-intervent tal-ħaddiema tal-Benessri tal-Annimali li jieħdu ħsieb l-Ambulanza tal-Emerġenza tal-Annimali. Dan jinvolvi li jinżammu għal xi żmien qabel jistgħu jiġu pprovduti trattament mediku, assistenza veterinarja, kura wara l-intervent, riabilitazzjoni u adozzjoni.